Line separator

FR HAYDEN

WILLIAMS 

FR HAYDEN

Fr Hayden Williams OFMKap twieled nhar id-9 ta’ Lulju 1977,  tgħammed fit-28 ta’ Lulju 1977 fil-Knisja Kattolika u trabba l-Isla (Malta). Huwa ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola tas-Sorijiet Franġiskani u l-Kulleġġ De La Salle.

 

Fil-parroċċa li kien jgħix fiha, iddedikata lit-Twelid ta’ Ommna Marija, kien abbati u membru tal-Leġjun ta’ Marija. Fl-età ta’ 13-il sena huwa ġie introdott għat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku mill-grupp ta’ talb tal-parroċċa Lumen Christi. Sentejn wara ntgħażel sabiex imexxi l-istess grupp.

 

F’żgħożitu żviluppa interess fil-mediċina u ried ikompli jistudja biex isir tabib. Imma, waqt Konferenza Kariżmatika fl-10 ta’ April 1994, Il-Ħadd tal-Ħniena Divina, ħass lil Ġesù jsejjaħlu sabiex isir saċerdot. Influwenzat minn San Franġisk t’Assisi u San Piju ta’ Pietrelcina, permezz ta’ proċess ta’ dixxerniment huwa ħaddan is-sejħa tas-saċerdozju bħala bħala Patri Franġiskan Kapuċċin.  

 

Fid-9 t’Ottubru 1996, ingħaqad mal-Kapuċċini u għamel il-professjoni temporanja tiegħu tal-voti reliġjużi fit-22 ta’ Settembru 1998.  Wara beda u temm b’suċċess l-istudji tiegħu tal-Filosofija u t-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Fil-25 ta’ Marzu 2004 għamel il-professjoni perpetwa u fl-istess sena, fis-17 ta’ Ottubru, ġie ordnat djaknu.

 

Matul is-sena ddedikata lill-Ewkaristija, fil-21 ta’ Lulju 2005, ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Ġużeppi Mercieca, u kompla bl-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta sabiex iġib il-Liċenzjat fit-Teoloġija, b’teżi bit-titlu The Eucharistic Perspective of the Ministerial Priesthood in John Paul II , li ġie ppubblikat bħala ktieb bit-titlu Serving the Love of Loves.

 

F’dawn is-snin, Fr Hayden kien ta' serizz f'dawn il-ministeri: pastorali vokazzjonali, fomazzjoni ta’ Kapuċċini żgħażagħ, gwardjan ta’ fraternità Kapuċċina, mexxej taż-żgħażagħ, kappillan tal-isptar Mater Dei u viċi-kappillan fil-parroċċa ta' San Ġwann. Bħalissa hu jagħmel parti mill-fraternità Kapuċċina ta’ Sant’ Antnin f’Raħal Ġdid (Malta) u jifforma parti mill-kunsill provinċjali tal-provinċja Kapuċċina f'Malta bħala vigarju provinċjali u jikkoordina l-ministeru pastorali tal-ħabs tal-Faċilità Korrettivi ta’ Kordin f’Malta.

 

 

Fr Hayden huwa wkoll predikatur itineranti tal-Evanġelu f’Malta u barra minn Malta. Huwa pprietka rtiri u jindirizza konferenzi lil-lajċi, reliġjużi u saċerdoti fl-Iskozja, Irlanda, Albanija, Olanda, Spanja, Italja, Polonja, Eġittu u Kenja. Huwa jmexxi programm tar-radju ta’ kull ġimgħa fuq Radju Marija (102.3 FM) Mur u sewwi l-Knisja tiegħi u programm televiżiv ta’ kull ġimgħa Ejjew Għandi li jixxandar fuq F Living.

 

Fr Hayden imexxi wkoll laqgħa ta’ evanġelizzazzjoni ta’ kull xahar EJJEW GĦANDI li hija miftuħa għal kulħadd u li tinkludi tagħlim bibbliku, adorazzjoni Ewkaristika, u talb għall-fejqan. 

 

Huwa kiteb Kristu jgħix Fija, u Ir-Rużarju tal-Familja, u rrekordja wkoll ir-Rużarju u l-Kurunella tal-Ħniena Divina bil-Malti, Ingliż u Taljan, it-tliet lingwi  mitkellma minn Fr Hayden.

 

Fis-7 t’Ottubru 2010, Fr Hayden waqqaf il-Fraternità Franġiskana ta’ Ġesù u Marija li fiha żewġ oqsma: l-Appostli (irġiel lajċi li jgħixu bil-providenza u li taw ħajjithom lil Ġesù u għall-evanġelizzazzjoni ġdida bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu bil-għan li jittrasformaw iċ-ċaħda ta’ Kristu fi ħniena) u d-Dixxipli (persuni lajċi li jaqsmu l-istess missjoni mal-Appostli).

SEJĦA GĦAT-TALB

Fr Hayden ser jieħu nota tat-talba tiegħek u  jitlob għalik, 

iżda mhux bilfors iwieġbek lura