Line separator

RAHAMIM

IL-ĦNIENA DIVINA

FIL-KELMA TA' ALLA

San Ġwann Pawlu II, Dives in Misericordia, nota 52

Il-Kotba tal-Patt il-Qadim meta jitkellmu fuq il-ħniena divina jużaw żewġ kelmiet, li iżda ma jaqblux għal kollox flimkien fit-tifsir tagħhom: hesed u rahamim.

 

Hesed

 

Il-kelma hesed  turi qagħda ta’ “tjieba mill-qalb”.  Meta hemm tjieba mill-qalb ta’ żewġ individwi  għal xulxin, dawn ma jkunux jixtiequ biss il-ġid ta’ xulxin; ikunu fidili għal xulxin ukoll minħabba rabta li għandha l-egħruq tagħha fil-qalb u għalhekk huma fidili għal xulxin għax huma fidili wkoll għalihom infushom. Hesed tfisser ukoll “grazzja” u “mħabba”, u dan proprju minħabba din il-fedeltà. Hija mħabba li tagħti, l-imħabba li hija aktar qawwija minn kull tradiment, aktar qawwija mid-dnub. Din il-fedeltà lejn “bint il-poplu” (Ara Lam 4, 3,6) li naqset mill-fedeltà, turi li Alla min-naħa tiegħu, hu fidil għalih innifsu.

 

 

Rahamim

 

Waqt li hesed tfisser li wieħed hu fidil għalih innifsu u jħoss ruħu responsabbli ta’ mħabbtu (ħaġa din li aktar tidher  fir-raġel); il-kelma rahamin fl-istess għerq tagħha tfisser l-imħabba ta’ omm (rehem = ġuf  l-omm).  Mir-rabta – anzi l-għaqda – fil-ġuf ta’ l-omm ma’ binha tinbet relazzjoni speċjali ta’ l-omm ma’ binha, imħabba speċjali.  

 

Din l-imħabba hija kollha kemm hi gratuita, bla ebda nteress, mhux meritata, u taħt dan l-aspett hi mħabba li l-qalb teħtieġa, titlobha.  Meta tqabbilha mal-imħabba mfissra bil-kelma hesed (li hi ħaġa li aktar tidher fir-raġel), din il-kelma, biex ngħidu hekk, turina dik il-fedeltà ta’ mħabba li tidher aktar fil-mara.

 

Taħt dan l-aspett psikoloġiku, il-kelma rahamin tqanqal għadd sħiħ ta’ sentimenti, fosthom it-tjieba u l-ħlewwa, is-sabar u l-mogħdrija, jiġifieri l-ħeffa tar-rieda li taħfer.

 

Il-kotba tal-Patt il-Qadim, meta jużaw il-kelma rahamin  għal Alla jridu juru li f’Alla hemm dawn is-sentimenti.  Naqraw f’Isaija: 

“Tista’ l-mara tinsa t-tarbija tagħha, 

jew ma tħossx ħniena għal bin ġufha?

Jekk stess dawn jinsew, 

jien ma ninsiex” (Iż 49, 5).  

 

Din l-imħabba fidila u qatt mirbuħa, minħabba l-qawwa tal-għaġeb li tinsab f’kull omm, fil-Kotba tal-Patt il-Qadim hija mfissra f’kemm il-sura; bħala ħelsien mill-perikli, l-aktar perikli mill-għedewwa, u wkoll, bħala maħfra tad-dnubiet, kemm ta’ bniedem wieħed u kemm tal-poplu kollu ta’ Israel, u fl-aħħarnett bħala ħeġġa għat-tmiem tal-wegħdiet u tat-tama (eskatoloġika) minkejja kull nuqqas ta’ fedeltà mill-bniedem, kif naraw f’Hosegha:

“Naħfrilhom għad li xxewxu kontra tiegħi; 

minn qalbi nħobbhom” (Hos 14, 5).  

 

Ġesù Kristu huwa r-rivelazzjoni perfetta u l-inkarnazzjoni ta' dan il-hesed u rahamim.

 

Fr Hayden iqis ir-rahamim bħala il-qalbha tal-ministeru tiegħu waqt li jgħati lil Ġesù Kristu lill-oħrajn fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu murija fl-imħabba kollha ħniena w kompassjoni tal-Missier.

 

 

Il-Logo

 

Il-logo, tpinġija astratta tal-artista maltija Jennifer Lonfat, juri lil Ġesù Kristu msallab bħala l-inkarnazzjoni tar-rahamim tal-Missier.

 

Fuq is-salib, Ġesù jittrasforma ċ-ċaħda tiegħu mill-umanità fi ħniena u kompassjoni għad-dinja kollha waqt li jabbanduna ruħu fl-imħabba kollha ħniena tal-Missier li jqajmu mill-mewt fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

 

Is-salib huwa mħaddan mill-imħabba tenera (rahamim) ta’ Marija għall-umanità li tirċievi d-demm - li hu personifikat hawnhekk minn fetu - ħiereġ mill-kustat minfud ta' binha Ġesù  fuq l-id miftuha tagħha.

 

Il-pinzellati bil-ħeffa huma sinjal tal-fedeltà tal-Missier (emet) lejn l-umanità waqt li l-isfond abjad juri t-twelid tal-Knisja bħala l-komunità tal-imħabba kollha ħniena.

Fr Hayden ser jieħu nota tat-talba tiegħek u  jitlob għalik, 

iżda mhux bilfors iwieġbek lura

SEJĦA GĦAT-TALB